Search

Dwarna

Dwarna

Mellieħa

Il-villaġġ tal-Mellieħa jinsab fil-Majjistral ta’ Malta. Magħrufa għall-bajjiet sbieħ ramlija tagħha u għal-lukandi u ristoranti ta’ klassi mondjali, il-Mellieħa titqies bħala waħda mir-reġjuni miżmuma bl-iktar mod naturali f’Malta. Kull min iżur il-Mellieħa jista’ jgawdi minn esperjenza rurali u rilassanti. Il-pajsaġġi pittoreski fir-reġjun tal-kosta huma fost l-isbaħ f’Malta fejn ħafna passaġġi jwasslu għal postijiet b’xenarji bellezza. Fir-reġjun ġewwieni, l-għelieqi vasti u fertili tal-Mellieħa jipprovdu prodotti friski tul is-sena kollha. Fil-Mellieħa jgħixu wkoll bosta speċi rari u protetti ta’ fawna u flora selvaġġi. Minħabba li l-Mellieħa hija qrib ħafna tal-baħar, jiġu bosta għasafar imlewna, l-iktar fir-Riserva Naturali tal-Għadira. Flimkien mal-irħula żgħar tal-Manikata u Selmun, ir-reġjun jitqies bħala wieħed mill-iktar postijiet ta’ importanza storika f’Malta.


Il-fdalijiet u l-oqbra juru evidenza biżżejjed biex isostnu li l-Mellieħa ilha abitata minn nies miż-żminijiet neolitiċi sal-era biżantina. Is-santwarju nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa huwa l-eqdem sit reliġjuż Marjan f’Malta.


L-ewwel użu tiegħu kien bħala għar naturali li ġie kkonsagrat fi knisja, iżda d-data meta sar dan mhijiex magħrufa. Tradizzjonijiet lokali jorbtu t-twaqqif ta’ din il-knisja għall-antikwità jew għall-perjodu medjevali. It-titular tal-knisja – li jingħad li hu mirakoluż – huwa affresk fi stil Biżantin maħsub li jmur lura għall-aħħar tas-seklu 12 jew għall-bidu tas-seklu 13. Is-santwarju sar knisja parrokkjali sal-bidu tas-seklu 15.


Minkejja li sar parti minn parroċċa oħra xi żmien wara, fis-sekli suċċessivi, il-knisja xorta żammet l-importanza tagħha bħala sit ta’ pellegrinaġġ. Il-bini preżenti nbena fi stadji differenti bejn l-aħħar tas-seklu 16 u s-seklu 18 u nkorpora partijiet mill-għar naturali minn fejn oriġinat il-knisja. Bosta nies ta’ importanza żaru s-santwarju tul is-sekli, fosthom persunaġġi magħrufa, inkluż il-Papa Ġwanni Pawlu II.


Faċċata tas-Santwarju, man-naħa l-oħra tat-triq prinċipali li tagħti għall-bajja tal-Għadira, insibu santwarju ieħor fil-qiegħ tal-wied iddedikat lill-Madonna tal-Għar. Sal-lum il-ġurnata, is-santwarju huwa mdawwal permezz ta’ bosta xemgħat quddiem stampi votivi li ġabu magħhom nies li fiequ minn mard. Hemm ukoll nixxiegħa taħt l-istatwa tal-Madonna li nbniet minn Mario de Vasì. Il-knisja parrokkjali tal-Mellieħa hija ddedikata għat-Twelid tal-Verġni Marija. Inbniet bejn l-1881 u l-1898.


Il-ġebel kollu nqata’ minn barrieri u nġarr mill-Armier min-nies tal-lokal li ħadmu qatigħ biex iwettqu l-ħolma tagħhom li jkollhom knisja ġdida. Meta tlesta l-bini tal-knisja, il-Kappillani tal-Parroċċa, Dun Frangisk Magri, Dun Carlo Cortis u Dun Indri Fenech ħabirku biex iżejnu l-knisja minn ġewwa. Il-kampnari u l-koppla nbnew bejn l-1920 u l-1940. Il-ħamest iqniepen iddedikati lil San Franġisk, San Ġużepp, San Anton, San Pawl u lill-Verġni Marija nġabu Malta minn Milan u l-artali tal-knisja ġew imżejna permezz ta’ pitturi mill-aqwa pitturi Maltin, fosthom mill-pitturi magħrufin, Giuseppe Calì u Lazzru Pisani. Il-knisja l-antika ta’ San Ġużepp fil-Manikata nbniet fl-1920 minn grupp żgħir ta’ nies li kienu jgħixu f’dan ir-raħal żgħir. Il-ġebla li ntużat, li għandha kulur ċar lewn l-għasel, inġiebet mill-barriera tal-Qasam Barrani, filwaqt li l-ġebel iżjed iebes li ntuża għall-arkati, inqata’ minn barrieri fit-Tramuntana tal-Mosta. Il-kappella l-antika iżda saret wisq żgħira għall-poplu dejjem jikber tal-Manikata u għall-ħtiġijiet reliġjużi tagħhom. Fl-1961, flimkien mar-Rettur Manwel Grima, ir-residenti ddeċidew li jibnu knisja ikbar. Din il-knisja l-ġdida ġiet iddisinjata mill-perit ta’ fama, Richard England.


Madankollu, kien hemm bosta problemi fir-rigward tal-bini tal-knisja l-ġdida tal-Manikata. Tqiegħdet l-ewwel ġebla fl-1962 iżda wara l-mewt ta’ Fr. Grima, il-knisja baqgħet nofsha mibnija għal ħames snin. Il-knisja l-ġdida fl-aħħar tlestiet u ġiet imbierka fid-29 ta’ Novembru 1974, aktar minn għaxar snin wara li uffiċjalment tqiegħdet l-ewwel ġebla. Il-kosta tat-Tramuntana ta’ Malta bdiet tiġi ffortifikata fil-bidu tas-seklu 17.


L-ewwel fortifikazzjoni li nbniet fil-Mellieħa kienet it-Torri ta’ Sant’Agata. Il-bini tlesta fl-1649. Dan it-torri kbir inbena fuq Marfa Ridge u jħares fuq il-bajja tal-Mellieħa. Minn hemm, wieħed jista’ jgawdi veduti ċari ta’ Kemmuna u Għawdex. It-torrijiet iżgħar ta’ Għajn Ħadid u tal-Armier ukoll inbnew fil-limiti tal-Mellieħa fl-1658. Fis-seklu 18 inbnew ukoll għadd ta’ batteriji kostali, ridotti u trunċieri fil-Mellieħa. Ħafna minnhom għadhom weqfin bħall-Batterija tal-Mistra, il-Batterija Vendôme, il-Batterija ta’ Wied Musa, u l-Batterija ta’ Westreme. Ir-Razzett tax-Xitan fil-parti ta’ Ta’ Randa huwa eżempju tal-irziezet Maltin li kienu jinbnew fis-seklu 18. Ftit qabel ma’ faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, inbniet il-fortizza Campbell fis-Selmun filwaqt li l-Fortizza tal-Mellieħa nbniet fuq l-għolja tal-Mellieħa biex isservi bħala post għall-għassa. L-Ingliżi wkoll bnew għadd ta’ pillboxes madwar il-kosta tal-Mellieħa għal skopijiet ta’ difiża f’każ ta’ invażjoni mit-Taljani jew mill-Ġermaniżi.

you're currently offline