Fl-10 ta’ Ġunju 1940, Mussolini ddikjara gwerra kontra l-Alleati. Inqas minn 12-il siegħa wara, Malta sofriet l-ewwel attakk tagħha bl-ajru. L-inħawi ewlenin attakkati kienu l-inħawi tal-Port madwar il-Belt Valletta u t-Tliet Ibliet. Dan wassal biex numru kbir ta’ nies jitilqu minn djarhom u jfittxu kenn kemm jista’ jkun ‘il bogħod miż-żona tal-Port. Numru sabiħ minn dawn ir-refuġjati waslu l-Mellieħa. Bl-eskalazzjoni tal-attakki bl-ajru, l-awtoritajiet iddeċidew li jibdew iħaffru xelters maqtugħin fil-blat biex jipprovdu kenn aħjar u sigur lil kulħadd. Xelters maqtugħin fil-blat bdew jitħaffru minn individwi wkoll.
Ix-xelters maqtugħin fil-blat tal-Mellieħa huma meqjusa fost l-akbar li ġew skavati f’Malta matul dawk is-snin ta’ turbulenza. Għandhom aktar minn 500 metru ta’ passaġġi u kmamar skavati. Intenzjonati biex jipprovdu kenn lil familji sħaħ, ix-xelters kienu ffurmati minn passaġġi, bi kmamar ta’ daqs differenti fuq il-ġenb. Xi wħud minn dawn il-kmamar kienu jservu għall-familji, filwaqt li kien hemm ukoll sezzjoni tal-maternità. Kamra oħra kienet mgħassa sew hekk kif hemmhekk kienu jinżammu teżori nazzjonali. Ix-xelters kellhom aktar minn daħla u ħruġ wieħed, sabiex ikun żgurat li fil-possibilità li xi daħla tiġi mblukkata, dejjem ikun hemm mod ta’ ħruġ għan-nies ġewwa.